TALB GĦALL-VOKAZZJONIJIET OFMConv.
Dawn it-talbiet huma maħsuba biex jiżdiedu mal-invokazzjonijiet tat-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum li għandhom il-karatteristika ta’ talba lil Alla biex imexxi l-ħajja tal-komunità li qed titlob.
Mal-interċessjonijiet tal-Għasar, imbagħad, jinqara n-nekroloġju flimkien mal-aħħar interċessjoni li hija dejjem għall-mejtin u għalhekk il-post naturali għan-nekroloġju provinċjali.
L-invokazzjonijiet huma maqsuma f’kategoriji differenti skont iż-żmien liturġiku jew festi tal-qaddisin.
FL-AVVENT
Kun magħna, Mulej, aħna u nistennew il-miġja ta’ saltnatek:
- biex ix-xhieda li nagħtu tħeġġeġ lil ħutna jikkonsagraw ruħhom lilek.
FI ŻMIEN IL-MILIED
Bin il-bniedem li ċċekint u sirt bħalna:
- nissel fi qlub iż-żgħażagħ tagħna x-xenqa li jimxu warajk fil-ħajja tal-Patrijiet Minuri.
FIR-RANDAN
Missier, Ibnek Ġesù għadda erbgħin jum fid-deżert:
- agħti lil uliedek li jagħżlu ħajja ta’ penitenza l-grazzja li fiċ-ċaħda mill-ġid tad-dinja jiskopru l-kobor ta’ mħabbtek.
FI ŻMIEN L-GĦID IL-KBIR
Fil-magħmudija tajtna twelid ġdid b’rahan tal-Ħajja ta’ dejjem:
- ġedded aktar minn uliedek b’konsagrazzjoni radikali permezz tal-Kunsilli Evanġeliċi.
MATUL IS-SENA
L-EWWEL U T-TIELET ĠIMGĦA
Ħares lill-Knisja tul il-mixja tagħha fid-dinja:
- u tħalliha qatt nieqsa minn ragħajja qaddisa li jmexxuha lejn is-sema pajjiżna.
IT-TIENI U R-RABA’ ĠIMGĦA
Fuq is-salib ftaħt idejk bejn is-sema u l-art biex tkun sinjal tal-għaqda ta’ Alla mal-bniedem:
- sejjaħ aktar żgħażagħ biex jikkonsagraw ħajjithom bħala sinjal ta’ din ir-rabta eterna.
FL-ANNIVERSARJI TAD-DEDIKAZZJONI TAL-KNEJJES
Int ħlaqt il-bniedem fuq xbieha tiegħek:
- agħti lil uliedek il-grazzja li jgħixu b’fedeltà sħiħa s-sejħa tagħhom.
FIL-FESTI TAL-B.V.M
Mulej Ġesù Kristu, int tajtna lil Marija b’ommna:
- agħmel li jkunu ħafna dawk li bħalha jgħożżu f’qalbhom il-Misteru tiegħek u jgħixuh tul ħajjithom kollha.
FIL-FESTI TAL-APPOSTLI
Infaħħruk, Mulej, għax permezz tas-suċċessuri tal-Appostli għadek tagħtina ragħajja u ministri,
- li jwasslulna l-imħabba tiegħek.
Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa tal-Appostli.
FIL-FESTI TAL-MARTRI
F’ġieħ il-martri tiegħek, li offrew ħajjithom sal-mewt:
- agħmel, Mulej, li l-Knisja jibqa’ jkollha dejjem xhieda veri tas-salib tiegħek.
FIL-FESTI TAR-RAGĦAJJA U D-DUTTURI
Int issejjaħ bnedmin biex imexxu lil ħuthom f’ismek:
- agħtihom il-kuraġġ li jilqgħu s-sejħa tiegħek mingħajr ma jaqtgħu qalbhom.
FIL-FESTI TAL-VERĠNI
Ġesù, int l-għarus safi tal-Knisja u l-mudell ta’ kull imħabba:
- agħmel li qatt ma jonqsu dawk li jikkonsagrawlek ħajjithom fis-safa.
FIL-FESTI TAL-QADDISIN
Int għaddejt mit-toroq issejjaħ lill-bnedmin biex ikunu miegħek u jmorru jxandru l-bxara t-tajba:
- agħti l-grazzja lil dawk li ssejjaħ li jibqgħu fidili lejk għal dejjem.